Nhar it-Tlieta li ġej, il-President tal-Istati Uniti Joe Biden se jkun qed jitħadded mal-President Russu Vladimir Putin permezz ta’ telefonata viżiva hekk kif qed tiżdied it-tensjoni fil-fruntiera mal-Ukrajna.
Ikkonfermat dan il-White House.
Dan ħareġ wara li s-Segretarju tal-Istat Anthony Blinken qal li l-Amerika għandha evidenza li r-Russja qed tippjana attakk ta’ skala kbira fuq l-Ukrajna.
Iżda, Blinken saħaq li għadu mhux ċar jekk Putin diġà ħax id-deċiżjoni li jinvadi jew le.
Fi stqarrija maħruġa mill-White House s-Sibt filgħaxija ngħad li Biden se jkun qed jagħmel enfasi fuq it-tħassib tal-Amerika dwar l-attivitajiet militari minn-naħa tar-Russja fuq il-fruntiera mal-Ukrajna; filwaqt li se jkun qed jafferma l-appoġġ tal-Istati Uniti lejn is-sovranità u l-integrità territorjali li għandha l-Ukrajna.