Taljan ta’ 28 sena ġarrab ġrieħi serji wara li kien involut f’inċident tat-traffiku bil-mutur fi Triq Valletta l-Mosta.
L-inċident seħħ kmieni dalgħodu għall-ħabta tal-erbgħa meta għal xi raġuni s-sewwieq tilef il-kontrol tal-mutur tal-għamla Honda CB600F li kien qed isuq, b’riżultat li waqa’.
Il-passiġġier li kien miegħu fuq il-mutur huwa Taljan ta’ 30 sena li joqgħod il-Mosta.
Fuq il-post isejjħu l-pulizija flimkien ma’ tim mediku mill-isptar Mater Dei li taw l-ewwel għajnuna. L-irġiel ittieħdu l-isptar għal aktar kura. Filwaqt li r-raġel ta’ 28 sena rriżulta li weġġa’ serjament, ir-raġel ta’ 30 sena ma ġarrab l-ebda ġrieħi.
Intant, bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Lara Lanfranco li ħatret inkejsta.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.