Stħarriġ tal-opinjoni pubblika ippubblikat fuq il-Maltatoday wera l-Prim Ministru Robert Abela jżid fil-fiduċja u lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech jerġa’ jnaqqas filwaqt li l-Partit Laburista għandu vantaġġ ta’ madwar 45,000 vot fuq il-Partit Nazzjonalista, l-akbar distakk għal din is-sena.
Skont il-Maltatoday, li kull xahar tippubblika stħarriġ, dan kien ukoll l-akbar distakk bejn iż-żewġ mexxejja tal-partiti fejn il-Mexxej Laburista huwa fdat kważi d-doppju tal-Kap Nazzjonalista.
Fil-fatt Robert Abela huwa fdat minn 51.1% filwaqt li Bernard Grech hu fdat minn 26.5%.
Dan ifisser żieda ta’ 2% għal Robert Abela fuq l-istħarriġ li ppubblikat il-gazzetta f’Novembru u tnaqqis ta’ 1.5% tnaqqis għal Bernard Grech.
Il-gazzetta spjegat li f’sena Dr Abela żied l-appoġġ b’9% filwaqt li Grech naqqas l-appoġġ bi 8%.
Il-Prim Ministru huwa fdat iżjed mill-Kap tal-Oppożizzjoni f’kull kategorija t’età u kważi fost ir-reġjuni kollha fil-pajjiż.
Mal-aktar kategorija żagħżugħa jiġifieri dawk li jgħoddu bejn is-16 u l-35 sena, Robert Abela jgħaddi lil Bernard Grech bi kważi 20%.
Fil-kategorija ta’ mezza età, jiġifieri dawk li jgħoddu bejn is-36 u l-50 sena, Robert Abela jgħaddi lil Grech bi 28%.
Id-distakk jitla’ b’29% fejn tidħol il-fiduċja fost iż-żewġ mexxejja fil-kategorija t’età ta’ dawk li għandhom bejn il-51 u l-65 sena.
L-istħarriġ tal-Maltatoday juri li f’Għawdex, Dr Abela hu fdat minn 60% tal-elettoral filwaqt li Grech jikseb biss 7%.
Aktar minn 90% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali jafdaw lil Robert Abela filwaqt li huma ftit inqas minn żewġ terzi ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-2017, li jafdaw lill-Kap Nazzjonalista attwali.
Jirriżulta wkoll li aktar minn 10% tal-votanti Nazzjonalisti fl-aħħar elezzjoni għandhom fiduċja fil-Prim Ministru.
Meta niġu għall-partiti, naraw distakk ta’ 14%, fejn il-Partit Laburista żied l-appoġġ bi 2.6% u tela’ għal 45.9% u l-Partit Nazzjonalista żied bi 2.1% u għandu appoġġ ta’ 31.9%.
Dan ir-riżultat jagħmel lill-Partit Nazzjonalista iktar popolari mill-Kap tiegħu.
Skont l-analiżi tal-Maltatoday hemm ċaqliqa ta’ iktar minn 3% ta’ votanti mill-Partit Nazzjonalista għall-Partit Laburista filwaqt li 1.5% tal-votanti Laburisti issa qalu li se jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.
L-istħarriġ juri wkoll li l-Partit Laburista żamm aktar minn 86% tal-elettorat li vvutalu fl-aħħar elezzjoni filwaqt li l-partit ta’ Bernard Grech għandu ftit inqas minn 79% tal-votanti li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fi żmien Simon Busuttil.