Madwar sittin artist, minn oqsma differenti, minn mużika pop sa mużika teatrali se jaħdmu flimkien biex itellgħu spettaklu tal-ewwel xorta tiegħu f’pajjiżna.
L-ispettaklu, bl-isem ta’ Malta Spectacular, ser iġib flimkien artisti magħrufa u oħrajn anqas rinomati, li se jaħdmu flimkien fi produzzjoni mmirata għall-familja kollha.
Malta spectacular se jittella’ għall-ewwel darba lejn l-aħħar ta’ Diċembru f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt.
Fl-ewwel edizzjoni ta’ din is-sena se ikun qed jingħata rikonoxximent lill-ħaddiema li permezz ta’ xogħolhom għenu biex tiġi imrażżna l-imxija tal-Covid-19.
Il-producers ta’ dan l-isptekklu, Toni Attard u Howard Keith Debono spjegaw li għaqdu flimkien it-talenti tagħhom biex dan l-ispettaklu mhux biss jagħti gost lill-udjenza, iżda anke jservi biex terġa’ tingħata l-ħajja lill-kultura Maltija, wara li qalgħet daqqa minħabba l-pandemija.
Howard Keith Debono spjega li għal din ir-rappreżentazzjoni se jittieħdu l-miżuri kollha tant li l-udjenza se tinqasam skont kif huwa mitlub mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Dan l-ispettaklu se jittella’ bil-għajnuna tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Kunsill Malti għall-Arti.
Waqt it-tnedija ta’ dan l-ispettaklu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo spjega li pajjiżna jrid ikun ċentru ta’ eċċellenza għal avvenimenti bħal dawn li jiġbdu aktar turisti u anke għax il-poplu Malti jixraqlu li jingħata għażla ta’ produzzjonijiet diversi.