L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ntgħażel mill-Kummissjoni Ewropea sabiex jipparteċipa fi Proġett Pilota għall-iskrinjar ta’ Likwidi, Aerosols u Ġels (LAGs).
Eżerċizzji bħala parti minn dan il-proġett pilota ser isiru għal għarrieda tul Mejju u Ġunju 2016. Passiġġieri xorta għandhom isegwu l-proċeduri standard ta’ sigurtà f’kull ħin.
Permezz ta’ dan il-proġett, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jikkontribwixxi lejn it-titjib tal-esperjenza talpassiġġieri li jkunu qed jivvjaġġaw fl-Unjoni Ewropea.
L-ajruporti ewlenin li qed jipparteċipaw f’dan il-proġett huma Amsterdam Schiphol Airport, Budapest International Airport, Alicante International Airport, Dublin International Airport u l-Ajruport Internazzjoni ta’ Malta.
It-team tal-ajruport diġà għamel provi inizjali sabiex jistabbilixxi l-ambjent ideali għal dan il-proġett pilota. Bit-teknoloġija u t-tagħmir li jeżistu bħalissa għall-iskrinjar tal-LAGs, it-team tas-sigurtà tal-MIA ser ikun qed jiddetermina l-aqwa prattiki għal din il-proċedura ta’ skrinjar, filwaqt li jibqa’ konformi mar-rekwiżiti tal-leġislazzjoni eżistenti tal-UE.
Ir-riżultati mill-ajruporti parteċipanti mbagħad ser jiġu analizzati mill-Kummissjoni Ewropea, bil-għan li jiġu implimentati linji gwida ġodda dwar l-LAGs.
Waqt li jkun qed isir dan l-eżerċizzju, il-passiġġieri li, f’ċirkostanzi partikolari, jistgħu jkunu qed iġorru aktar minn 100ml ta’ LAGs, jiġu suġġetti għal aktar skrinjar.
Ir-regolamenti eżistenti tal-UE dwar l-iskrinjar tal-LAGs:
- Likwidi, aerosols u ġels li ma jitqisux bħala mediċina/meħtieġa għal dieta apposta jistgħu jinġarru biss f’kontenituri li jesgħu 100ml jew anqas.
- Dawn għandhom jiġu ppreżentati waqt il-kontrolli ta’ sigurtà tas-soltu f’borża ta’ litru li tkun trasparenti u li tista’ terġa tingħalaq.
- Kontenituri b’aktar minn 100ml ta’ likwidi, aerosols jew ġels li ma jaqgħux fil-kategoriji ta’ mediċini jew prodotti speċjali għad-dieta, barra minn oġġetti bla dazju magħluqin f’boroż apposta, jew li ma jkunux iddikjarati jistgħu jiġu kkonfiskati mill-persunal tas-sigurtà.