ONE News jinsab infurmat li Aidan Bartolo, iż-żagħżugħ t’24 sena li finalment inqabad mill-Pulizija fil-Miżieb, għadu rikoverat l-isptar.
Bartolo kien ittieħed l-isptar bħala prekawzjoni wara li sofra minn xi ġrieħi.
Sa issa għadu l-isptar u għalhekk għadu mhux magħruf meta se jkun qed jitressaq il-Qorti.
Il-Ħamis filgħaxija l-Pulizija qalet li Bartolo nqabad mistoħbi fil-ħaxix għoli tal-Miżieb wara li għamel mas-sitt sigħat imfittex.
Huwa kien segwit mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u tal-Ispecial Intervention Unit fil-Mellieħa u meta nduna bil-preżenza tal-Pulizija huwa pprova jaħrab b’karozza tat-tip Mazda Demio.
Meta l-Pulizija bdiet tiġri warajh u ppruvat twaqqfu, il-Pulizija spjegat li sparat tiri lejn il-karozza ta’ Bartolo.
Intqal li Bartolo saq għal fuq il-karozzi tas-servizz imbagħad ħareġ mill-karozza u ħarab bil-ġiri lejn il-Miżieb.
Fit-tfittxijiet għalih intuża anki ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Il-Pulizija qalet li kienet qed isus wara Bartolo b’rabta ma’ rejd tad-droga.
Jirriżulta li Aidan Bartolo mhux l-ewwel darba li xellef difru mal-ġustizzja hekk kif weħel il-ħabs fuq żewġ każijiet, wieħed fuq pussess ta’ droga u ieħor fuq serq u ħsarat fuq ħwienet.