Investiment ta’ erba’ miljun u nofs ewro fil-laboratorji fl-isptar Mater Dei wassal sabiex jiġu installati sitt magni ta’ intelliġenza artifiċjali u li jwettqu t-testijiet tad-demm b’mod effiċjenti ħafna.
Ftit ta’ ġimgħat wara li ġie inawgurat dan l-apparat, ONE News żar il-Laboratorju tal-Ħematoloġija fl-Isptar Mater Dei sabiex jistħarreġ aħjar l-użu ta’ dan il-makkinarju ġdid.
Makkinarju li kapaċi waħdu jwettaq 600 test tad-demm f’siegħa u b’hekk iżid l-effiċjenza ta’ dan id-Dipartiment tant importanti sabiex jissodisfa d-domanda kbira li għandu.
Dwar dan iltqajna u tkellima ma’ Sylvana Abela li hija fil-fatt xjentista fil-qasam tal-Bio Medical Sciences hekk kif irrimarkat li kuljum dan id-Dipartiment jwettaq medja ta’ elfejn test tad-demm.
Dan filwaqt li jiġu analizzati mal-50,000 test differenti.
Hija spjegat kif jaħdem dan il-makkinarju ġdid.
“Is-sistema tagħmillek bejn wieħed u ieħor 600 samples kull siegħa. Dawn jiġu logged u minn qatra li tittieħed mis-sample ħa ttik madwar 20 parametru. Issa dawn l-20 parametru huma mera tal-kundizzjoni tal-pazjent. Issa meta jkun pazjent b’riżultat normali r-riżultat se joħroġ u aħna se nkunu nistgħu niffukaw fuq dawk il-pazjenti li għandhom abnormalità.”
Tenniet kif is-sistema tagħraf ukoll abnormalitajiet fit-testijiet tad-demm b’riżultat li tgħarraf l-ixjentisti bihom sabiex dawn jiġu mistħarrġa mal-ewwel.
Intant testijiet tad-demm li jirriżultaw normali jiġu pproċessati mal-ewwel mis-sistema.
“F’dak il-każ is-sistema għandha plots li se turina anke l-plots fejn jintefgħu s-cells. Issa jekk jintefgħu f’post li mhuwiex normali ovja inkomplu bil-blood film.”
Hija spjegat ukoll li l-informazzjoni kollha tiġi pproċessat b’tali mod li l-ewwel jiġu trattati r-riżultati li jirrikjedu testijiet urġenti.
“Hemmekk ħa naraw kif dawk li huma normali ħa jitilqu filwaqt li dawk huma abnormali ħa niffukaw fuqhom. Min hemmhekk se nawtorizzaw dawk li forsi ma tantx għandhom bżonn jew il-bloodfilm tista’ tistenna għal aktar tard u l-oħrajn se nkunu nistgħu ntuhom attenzjoni żgħira iżjed.”