F’Malta l-prijorità kienet li tiġi żgurata li s-sodod fl-isptarijiet jibqgħu disponibbli għal min ikollu bżonnhom.
Dan ħareġ minn xhieda ta’ sagħtejn sħaħ fil-Qorti mogħtija mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, f’kawża Kostituzzjonali li grupp ta’ madwar mitt persuna, li huma xettiċi dwar il-vaċċin u l-virus tal-Covid-19, qed jagħmlu kontra l-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Il-Grupp li ppreżenta dan il-każ qed jgħid li l-miżuri meħuda huma sproporzjonati u jiksru l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
Fix-xhieda tagħha, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika spjegat li pajjiżna dejjem kellu pjan ta’ rispons nazzjonali anke qabel il-pandemija, u dan għal kull ma jista’ jinqala’ għal kull theddida.
Hija semmiet ukoll kif kull każ ta’ Covid-19, kien jiġi investigat bl-istess importanza.
Il-Professur Gauci xehdet ukoll li l-vaċċin kien għodda mportanti biex tiġi mrażżna l-imxija tal-Covid-19 u ssalvaw il-ħajjiet.