Matul din is-sena, in-nefqa globali fuq pensjonijiet u benefiċċji, inkluż pensjonijiet tas-servizz u servizzi soċjali oħrajn, hija stmata li se tilħaq is-somma rekord ta’ biljun u tliet mitt miljun ewro.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, li semmiet l-aħħar ċifri b’rabta mal-ħidma ta’ dan l-istess Ministeru tul din is-sena.
Fil-fatt, fi preżentazzjoni dettaljata, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Mark Musù, spjega li l-akbar nefqa ta’ din is-sena hija attribwita għall-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali .
Din tammonta għal biljun, mija u tletin miljun ewro.
Dan huwa rifless f’madwar żewġ miljun pagament ta’ pensjonijiet u benfiċċji soċjali. Minn dawn, 93.5% saru bi kreditu dirett fil-kont bankarju tal-benefiċċjarji waqt li 6.5% biss saru b’ċekk.
Intant kważi mija u tliet miljun u nofs ewro ntefqu f’pensjonijiet tas-servizz, aktar minn sebgħa u għoxrin miljun u ħames mitt elf ewro intefqu fuq servizzi ta’ ħarsien soċjali u ftit aktar minn għaxar miljun ewro ntefqu fi sħubiji ma’ għaqdiet mhux governattivi biex jingħata servizz fis-soċjetà.
Il-preżentazzjoni trattat ukoll il-kisbiet ta’ dan il-Ministeru fil-qasam li jindirizza lil dawk f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.
Fil-fatt hawnhekk Musù spjega li meta mqabbel mal-2013, żewġ minn kull tliet persuni m’għadhomx f’ċaħda materjali severa, tliet minn kull ħames persuni m’għadhomx f’ċaħda materjali, wieħed minn kull ħames persuni m’għadhomx f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali u tliet minn kull ħames persuni m’għadhomx jgħixu fuq l-assistenzi soċjali u qed jaħdmu.
Musù ma’ ONE News spjega wkoll kif ġie mmarkat tnaqqis fil-ħruġ għall-pensjoni tal-invalidità u dik mhux kontributorja. Dan anke flimkien man-nefqa fuq assistenzi soċjali hekk kif komplew jonqsu l-benefiċċjarji.
“Ilum qed nitkellmu li għandek madwar 60% inqas jiddependu fuq l-assistenza soċjali li kellek 8 snin ilu. Ovvjament dak ifisser li l-pajjiż qed jonfoq inqas flus biex jagħtihom fuq benefiċċji soċjali fuq assistenzi soċjali li umbagħad qed imorru biex jiżdiedu l-pensjonijiet u dawk il-benefiċċji oħrajn bħal dawk tat-tfal u d-diżabilità li huma tant bżonnjużi.”
Il-Ministru Michael Falzon rrimarka t-twettiq tal-wegħdiet elettorali ta’ dan il-Ministeru. Fil-fatt fil-qasam soċjali twettqu 99.6% tal-proposti fil-manifest elettorali tal-2017.
Huwa fakkar kif fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti, il-wegħdi elettorali qatt ma kienu jiġu onorati kollha, filwaqt li kien normali li jiżdiedu piżijiet u taxxi fuq il-poplu.
“L-aktar ħaġa importanti hija dak li jħossu n-nies hemm barra u għal darba wara oħra l-poplu Malti kien fost dawk li jħossu ottimist u kunfidenti għall-futur u b’mod speċjali fuq il-qasam soċjali. Din hija xi ħaġa li ovjament tagħtina kuraġġ biex inkomplu naħdmu aktar.”