John Spiteri, il-Malti arrestat f’‘Operation La Vallette’, rejd kbir tad-droga mill-Guardia di Finanza fl-Italja, ġie arrestat mill-awtoritajiet Taljani.
Il-Korp tal-Pulizija qal lil ONE News li Spiteri ma ġiex arrestat f’pajjiżna.
Spiteri huwa fost sittax-il persuna li ġew arrestati fejn inqabdet mal-423 kilogramma droga.
Ma’ Spiteri hemm arrestati tliet Albaniżi u Taljani.
L-arresti saru f’Katanja, f’Ragusa, f’Sirakuża u f’Kalabrija.
Rapporti fil-midja, fosthom dik Taljana, żvelaw konversazzjonijiet involuti fihom Rosario Amico u John Spiteri, b’tal-ewwel jinstema’ jgħid f’telefonata li Spiteri għandu joqgħod iżjed attent għaliex inkella se jinqabdu u jispiċċaw il-ħabs.
“Hawnhekk mhux qed inġibu l-ħelu jew il-kejkijiet”, instema’ jlissen darba minnhom Amico.
Il-Pulizija fi Sqallija qed timxi fuq it-teżi li Spiteri kien imexxi d-droga f’Malta li kienet tinġab mill-Albanija u parti minnha tinbiegħ fi Sqallija u n-Nofsinhar tal-Italja u parti oħra kienet tinbiegħ lejn Malta.
Din id-droga li kienet tasal f’Malta bil-baħar billi jintuża l-Katamaran bejn Sqallija u Malta, kienet tispiċċa f’ħanut tal-ħaxix f’Ħ’Attard u f’garaxx fil-Marsa.
Jingħad li l-Albaniżi kienu mħassba bi Spiteri, b’dan tal-aħħar beda jibża’ wkoll li se jinqatel.
F’telefonata minnhom jissemma wkoll li ċ-ċirku kriminali kellu jeħles minn xi ħadd li qed ilablab mal-pulizija.
Il-Pulizija Taljana imbagħad tefgħet għajnejha fuq Rosario Amico, li kellu anki lil ibnu jaħdem għalih.
Dan ġie nnutat li kien qed jgħix ħajja ta’ lussu mingħajr ma kważi jiddikjara xejn mid-dħul tiegħu.
F’dan il-każ ta’ ċirku ta’ traffikar tad-droga hemm Malti ieħor implikat bl-isem ta’ Fabrizio Catania.
Tliet snin ilu kien irrappurtat li Catania nqabad jittraffika 84 kilogramma droga kannabis.
Ir-ritratt juri lil Rosario Amico