Ġie arrestat ir-raġel li lbieraħ kien imfittex mill-pulizija b’rabta mal-isparatura li seħħet il-Ħamis filgħaxija fil-Mellieħa.
Aidan Bartolo ġie arrestat ftit wara nofsillejl wara tfittxija intensiva u delikata.
Huwa nstab mistoħbi qalb il-ħaxix għoli u siġar fl-akwati tal-Miżieb.
F’din it-tfittxija ħadu sehem pulizija minn diversi taqsimiet, fosthom l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u l-Iskwadra tar-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, l-Ispecial Intervention Unit, Rapid Intervention Unit u t-Taqsima tal-Klieb.
Il-Pulizija qalet li l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u tal-Ispecial Intervention Unit kienu qed jissorveljaw il-passi ta’ Bartolo, li kien f’vettura.
Dan bħala parti minn operazzjoni relatata ma’ rejd tad-droga.
Fil-by-pass tal-Mellieħa Bartolo intebaħ bil-Pulizija jsusu warajh.
Kien hawn li huwa saq għal fuq il-vetturi tal-Pulizija, bil-Pulizija tispara tiri fid-direzzjoni tal-karozza tat-tip Mazda Demio biex ir-raġel jitwaqqaf.
F’dan il-mument Bartolo ħareġ mill-vettura u ħarab bil-ġiri lejn il-Miżieb fejn minn hemm bdiet it-tfittxija.
Hekk kif ġie arrestat, bħala prekawzjoni ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, hekk kif kien qed isofri minn xi ġrieħi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin, filwaqt li inħatret inkjesta maġisterjali mmexxiha minn Dr Leonard Caruana.