Rapport fuq id-djalogu soċjali f’Malta nnota kemm id-djalogu soċjali f’pajjiżna huwa b’saħħtu bis-sehem tal-Gvern, min iħaddem u l-ħaddiema.
Intqal li d-Djalogu Soċjali ilu għaddej f’pajjiżna għal dawn l-aħħar tletin sena.
Waqt business breakfast ġew ippreżentati sett ta’ rakkomandazzjonijiet favur it-tisħiħ tad-djalogu soċjali f’pajjiżna.
Il-Ministru responsabbli mid-djalogu soċjali, Carmelo Abela semma t-titjib li sar fil-mod kif jaħdem l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD.
Hawn semma kif permezz ta’ working groups speċjalizzati, temi kurrenti jiġu indirizzati.
Qal, “Pajjiżna diġà għandna djalogu soċjali b’saħħtu, però tajjeb ukoll li nkunu kritiċi ta’ dak li għandna biex dejjem intejjbu. Aħna għandna tradizzjoni li ma toħodniex wisq fit-tul, bejn wieħed u ieħor 30 sena ta’ djalogu soċjali formali, kif nafuh illum. Allura jkun wasal iż-żmien li neżaminaw dak li għandna llum biex inkomplu u nsaħħu d-djalogu soċjali f’pajjiżna.”
Il-Ministru Carmelo Abela appella lill-imsieħba soċjali sabiex issa jieħdu bis-serjetà s-suġġett tat-tibdil fil-klima, anke fuq livell Ewropew permezz tal-European Green Deal.
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej Mandy Falzon qalet kif l-entità governattiva li tmexxi tkun involuta fid-diskussjonijiet dwar kif proposti ta’ leġiżlazzjoni Ewropea taffettwa l-interessi tal-korpi kostitwiti.