L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għandha strateġija ġdida sas-sena 2030.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’lukanda f’San Ġiljan, ġie spjegat li din l-istrateġija hija msejsa fuq tliet prinċipji importanti; Recover, Rethink, Revitalise.
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia tenna li għalkemm il-pandemija ħalliet impatt negattiv fuq is-settur turistiku, l-istess pandemija ġabet magħha opportunità sabiex tinħoloq strateġija ġdida u aktar konformi mar-realtajiet tal-lum.
Dan sabiex is-settur turistiku jerġa’ jqum fuq saqajh u min jaħdem fih juża operat sostenibbli.
“Id-direzzjoni waslet minħabba l-pandemija li kien jeħtieġ li naturalment immorru fuq fażi ta’ rkupru però opportunità wkoll sabiex nagħmlu Rethink u nagħmlu Revitalise tal-industrija u naħseb fil-bażi tad-dokument kollu hemm il-ħtieġa li nimxu aktar lejn il-kwalità .”
Fi preżentazzjoni teknika wkoll id-Deputat Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, Leslie Vella aċċenna għall-komunikazzjoni eċċellenti li kien hemm mal-imsieħba kollha fis-settur sabiex dan il-qasam jaffaċċja sfida bħal ma kienet dik tal-pandemija.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo spjega li parti minn din l-istrateġija diġà bdiet tiġi implimentata biex dan is-settur jibda jirpilja mill-effetti tal-pandemija.
Huwa aċċenna għar-riżultati sbieħ li nkisbu fl-aħħar xhur fejn reġgħu żdiedu sew l-iljieli tat-turisti f’pajjiżna.
Il-Ministru Bartolo sostna li issa din l-istrateġija ambizzjuża għandha l-għan ukoll li tħares lejn l-evoluzzjoni tal-industrija sabiex tkun waħda effettiva għal żmien twil. Dan filwaqt li tagħti importanza wkoll lill-gżira Għawdxija, bħala sors importanti ta’ turiżmu.
“Ser inwaqqfu osservatorju turistiku sabiex b’hekk naraw li l-benchmarks u l-KPIs li qed nwaqqfu f’dan id-dokument ikunu qed jintlaħqu matul il-ħajja kollha tal-istrateġija. Dan tal-lum huwa kuntratt mal-poplu Malti u Għawdxi kollu u mas-settur turistiku sabiex b’hekk naraw li t-turiżmu verament jirkupra, ikun aħjar milli kien qabel il-pandemija u fl-istess waqt jilħaq livelli sostenibbli għas-snin li ġejjin.”