Il-Pulizija mistennija tressaq erba’ persuni l-Qorti b’rabta mal-każ ta’ persuna li deher se jikkommetti suwiċidju u jaqbeż mis-sur tal-Belt daqs ġimagħtejn ilu.
Il-Korp tal-Pulizija kkonferma ma’ ONE News li ġew identifikati erba’ persuni, mifhuma li għaddew kummenti insensittivi lejn il-persuna li kienet f’xifer is-sur.
Il-Pulizija qalet li interrogat lil dawn il-persuni u se tressqahom il-Qorti.
Dan il-każ ixxokkja lill-pajjiż u ġab il-kundanna ta’ bosta filwaqt li sar appell qawwi li teżisti l-għajnuna għal dawk bi sfidi ta’ saħħa mentali.
Waqt li r-raġel kien fix-xifer, kien hemm min instema’ jgħidlu biex jeħles u oħrajn qalulu biex ifittex jinfaqa’ ħa jmorru ’l hemm.
Li ma kienx għal diversi Pulizija u psikjatra li kienu fuq il-post u bdew jikkalmaw lir-raġel, dan il-każ seta’ kellu konsegwenzi ferm agħar.
Ir-raġel kien ittieħed l-isptar b’ambulanza għall-kura.