Jinsabu għaddejjin l-aħħar tħejjijiet biex il-Partit Laburista jtella’ l-maratona ġbir ta’ fondi ta’ Diċembru bħal ma jsir kull sena.
Din il-maratona ser tkun qed issir propju nhar il-Ħadd 5 ta’ Diċembru fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.
Tul din l-attività ta’ ġbir ta’ fondi, il-pubbliku ser ikun jista’ jsegwi x-xandira fuq l-istazzjonijiet ONE fejn hemmhekk ġew imħejjija wkoll bosta attivitajiet mhux biss mit-tmexxija tal-Partit Laburista iżda wkoll mid-Deputati Laburisti fil-Parlament.
Dwar din l-attività, ONE News tkellem mad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, tal-Partit Laburista, il-Perit Daniel Micallef hekk kif esprima s-sodisfazzjon u l-aprezzament tiegħu għall-preparamenti li qed isiru mill-ħaddiema tal-Partit Laburista.
Huwa tenna wkoll l-importanza ta’ din l-attività ta’ ġbir ta’ fondi hekk kif tul is-sena d-dieħla l-Partit Laburista stess se jkun impenjat mhux ftit b’kampanja elettorali għal elezzjoni ġenerali.
“Propju din is-sena hija maratona lejliet sena importanti ħafna. Mhuwiex sigriet li l-pajjiż se jkun qed imur għal Elezzjoni Ġenerali fis-sena li ġejja u l-Partit Laburista għandu bżonn is-sostenn finanzjarju ta’ dawk kollha li jappoġġjawh sabiex ikun f’pożizzjoni dejjem ippreparata sabiex ikun jista’ jagħmel din il-ħidma.”