Rapport tal-Awditur Ġenerali fuq il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin innota sens ta’ ordni, organizzazzjoni u ndafa u rrikonoxxa wkoll li riċentament sar titjib notevoli fuq l-infrastruttura tal-ħabs.
F’rapport ippubblikat, l-Awditur Ġenerali għaraf ukoll li l-abbuż mid-droga fil-ħabs naqas b’mod konsiderevoli.
Hawnhekk l-Awditur qal li dan sar f’ambjent li huwa suxxettibbli għal sfidi f’dan il-qasam.
L-Awditur osserva wkoll li n-numru ta’ uffiċjali korrettivi, kif ukoll ta’ professjonisiti inkarigati mill-kura u rintegrazzjoni tal-priġunieri fis-soċjetà, żdied matul dawn l-aħħar snin iżda fadal iżjed x’isir biex jissaħħaħ ir-riżors uman tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.
L-Awditur semma li sar investiment fir-riżors uman, fejn mhux biss il-ħaddiema tal-faċilità qed igawdu minn kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, iżda fuq kollox sar investiment sabiex ikunu impjegati numru ta’ professjonisti li qed jaħdmu fl-oqsma tal-mediċina, tal-psikoloġija u l-psikjatrija, kif ukoll numru ta’ care workers li qed jaħdmu fuq pjan ta’ kura għal kull priġunier.
L-Awditur innota wkoll it-tisħiħ u l-manutenzjoni tal-infrastruttura tal-faċilità, b’mod partikolari l-investiment fil-Medical Intervention room, fejn il-priġuniera qed jieħdu servizz ferm aħjar u ta’ kwalità u l-fatt li r-records interni huma miżmuma b’mod tajjeb, fejn kollox jittieħed kont fuqu, fosthom anke proċessi ta’ dixxiplina.
Fi stqarrija, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, laqa’ dan ir-rapport pożittiv tal-Awditur Ġenerali fuq il-Ħabs ta’ Kordin.
Dr Camilleri qal li jeħtieġ inkomplu nibnu fuq il-ħafna tajjeb li sar fl-aħħar snin.
Dan billi jdaħħal riformi li se jkunu rakkomandati fil-konklużjonijiet tal-inkjesta li ħatar hu ftit tal-ġimgħat ilu u anki wara evalwazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Awditur Ġenerali.