L-Awtorità Maltija tal-Mediċini ħarġet bi strateġija ġdida sal-2025 bil-għan li tibqa’ ttejjeb l-operat tagħha.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa filgħodu hekk kif ġie spjegat li din l-istrateġija se tkun qed tixpruna ħidma aktar iffukata mill-istess Awtorità.
Fil-fatt dwar dan tkellem iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għall-Mediċini, il-Professur Anthony Serracino Inglott. Huwa rrimarka li l-istrateġija l-antika, li kienet sas-sena l-oħra, rat żieda drastika fl-impjegati u l-impjiegi fi ħdan din l-Awtorità. Dan filwaqt li l-Awtorità żiedet in-numru ta’ spezzjonijiet dwar il-manifattura tal-prodott mediċinali f’pajjiżi terzi, bi kważi ħames darbiet.
Madankollu l-Professur Inglott tenna l-bżonn ta’ strateġija ġdida biex l-Awtorità tkompli toffri l-aqwa servizzi.
Fost oħrajn tenna l-bżonn ta’ aktar reżiljenza fil-konfront ta’ affarijiet li jistgħu jtellfu s-suq f’dan il-qasam u li jkun hemm qafas regolatorju robust fil-qasam li jadatta mar-realtajiet ta’ dinja moderna.
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għall-Mediċini qal: “Hija dejjem biex nersqu lejn ir-raġuni għaliex teżisti l-Awtorità, biex nassiguraw aċċessibiltà, aċċessibiltà b’mod regolari u sostenibbli lejn mediċina ta’ kwalità, sigurtà u effikaċja.”
Il-Ministru għall-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo tenna li permezz ta’ din l-istrateġija, l-Awtorità Maltija tal-Mediċini issa se tkun aktar proattiva.
Qal: “L-Awtorità Maltija tal-Mediċini hija awtorità proattiva, awtorità li tħares ’il quddiem u li tpoġġi l-interess tal-pazjent fuq quddiem nett sabiex b’hekk naraw li nkomplu ngħinu u nsostnu lis-servizzi tas-saħħa pubblika f’pajjiżna f’dawn il-pajjiżi li ġejjin ’il quddiem.”
Intant is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur Deo Debattista rrimarka kif il-Gvern impenja ruħu bis-sħiħ sabiex jerġa’ jqajjem fuq saqajha din l-Awtorità tant importanti f’pajjiżna.
Dan sabiex illum waslet f’dan it-tragward importanti li jagħmilha waħda mill-aqwa awtoritajiet Ewropej fil-qasam tal-mediċina.
Qal: “Mill-2013 lil hawn inbidlet kompletament. Aħna fl-2013 sibna Awtorità tal-Mediċini b’1.5 miljun dejn u 30 ħaddiem. Illum mhux talli żdidna għal 100 ħaddiem, talli ħallasna d-dejn kollu u ġibniha self sustaining jiġifieri ma nirrikorrux għand il-Ministeru għall-Finanzi fil-Budget biex itina budget b’differenza kbir anke minn Awtoritajiet barranin.”