Ġie mħabbar proġett pilota li se jkun qed jindirizza l-vjolenza domestika kif ukoll li jipprevjeni l-abbuż fosthom permezz ta’ kampanja msejħa ‘Safe Dates’, li se tkun qed isseħħ fil-klassijiet tal-PSCD tal-għaxar sena fis-sekondarja.
Din il-kampanja se tinkludi filmati li juru xenarji differenti ta’ abbuż u kif dan jiġi indirizzat, b’diskussjoni fil-klassijiet .
L-għan ewlieni ta’ dan il-programm edukattiv huwa li jgħin lil żgħażagħ biex jiżviluppaw ħiliet essenzjali li jgħinuhom jagħrfu sinjali ta’ abbuż minn kmieni, jaġixxu b’mod effettiv u sigur, u jkunu jafu x’ għandhom jagħmlu biex isibu l-għajnuna jekk iħossuhom skomdi jew fil-periklu.
Dan l-għan mistenni jintlaħaq permezz ta’ attivitajiet edukattivi li jisħqu fuq il-prevenzjoni tal-vjolenza f’relazzjonijiet intimi.
B’hekk permezz ta’ dan il-programm edukattiv, minn età żgħira żgħażagħ jagħrfu jkollhom relazzjonijiet b’saħħithom u siguri.
Il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri spjegat li skont riċerka li saret fl-Istati Uniti, dan il-programm kien tassew effettiv fil-prevenzjoni tal-abbuż waqt li żgħażagħ jibdew joħorġu flimkien.
Hija spjegat li l-Kummissjoni se tkun qed tevalwa l-informazzjoni minn dan il-proġett pilota sabiex tiddeċiedi kienx effettiv jew le.
Il-Kummissarju Friggieri qalet illi madwar id-dinja, biljun tifel u tifla huma affetwati mill-vjolenza, għalhekk huwa importanti li dawn ikollhom l-ħiliet u l-edukazzjoni sabiex jikkumbattu kontra dawn is-sitwazzjonijiet.
Il-Ministru għal-Edukazzjoni Justyne Caruana spjegat illi l-edukazzjoni hija vitali sabiex tkun eliminata l-vjolenza u sosniet illi meta t-tfal jistaqsu mistqosjiet hemm bżonn li jingħataw r-risposti.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ugwaljanza, Owen Bonnici sostna li permezz ta’ dan il-proġett pilota, il-Gvern qed ikompli juri biċ-ċar kemm huwa kontra kull tip ta’ vjolenza domestika u stqarr li l-appell lill-vittmi huwa li l-vuċi tagħhom trid tinstema’.