Malta għandha sistema online msejħa ESG portal, li permezz tagħha l-pubbliku se jkun jista’ jevalwa l-kredenzjali ambjentali, soċjali u ta’ governanza ta’ uħud mill-akbar kumpaniji f’Malta u Għawdex.
Din l-inizjattiva qed tikkontribwixxi ukoll għal ekonomija Maltija iktar sostenibbli, fejn l-investiment qed jiġi direzzjonat lejn operat aktar sostenibbli/
Tmenin fil-mija tal-kumpaniji kkwotati fuq il-Borża ta’ Malta qed jipparteċipaw f’dan il-proċess ta’ ġbir ta’ informazzjoni li għandhom valur kollettiv ta’ kważi tliet biljun ewro.
Minn informazzjoni miġbura permezz ta’ din l-inizjattiva deher li dawn il-kumpaniji ipproduċew erbgħa u tletin fil-mija inqas tal-emissjonijiet f’dawn l-aħħar tliet snin, filwaqt li użaw inqas min-nofs tal-ilma li kienu jużaw qabel.
L-istess informazzjoni turi ukoll li l-iskart iġġenerat minn dawn il-kumpaniji fl-operat tagħhon naqas bi tmenin fil-mija minħabba l-fatt li ġew addottati prattiċi sostenibbli.
Matul it-tnedija ta’ din is-sistema, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli qalet li kien hemm rispons b’saħħtu ħafna mill-ewwel grupp ta’ kumpaniji li pparteċipaw u spjegat li eventwalment, dan il-portal se jiġi estiż għal kumpaniji oħra li għandhom il-bonds fil-lista tal-Borża ta’ Malta, negozji tal-familja, negozji żgħar u medji u dawk kollha li jridu jkunu imsieħba f’din il-komunità.
Il-Ministru Dalli qalet: “Nagħtu l-għodda lill-intermedjarji finanzjarji f’pajjiżna, biex min irid jinvesti, ikollu din il-viżibilità biex jara liema kumpaniji qed jinvestu verament, fl-ambjent, fuq il-qasam soċjali u l-governanza tagħhom bħala kumpanija.”
L-ESG portal huwa aċċessibbli fuq sustainabledevelopment.gov.mt.