Yarik Farrugia ta’ erbgħa u għoxrin sena ġie kkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati li ħebb għal raġel ieħor billi tah daqqa ta’ ras fi ġnien pubbliku.
Iż-żagħżugħ minn Raħal Ġdid, ġie mixli li sentejn ilu, fil-bandli ta’ Ħal Tarxien, ikkaġuna feriti gravi fuq Nathaniel Attard.
Attard kien spjega lill-Pulizija, li huwa ma kienx jaf lil Farrugia, imma għarfu minn xi ritratti fuq il-mezzi soċjali.
Il-Qorti ppreseduta mil-Maġistrat Nadine Lia qalet li l-każ jidher li sar mingħajr ebda raġuni fuq il-vittma, li jirriżulta li ma għamillu xejn, wisq anqas ipprovokah, u li Attard kien għaddej għal affari tiegħu f’post pubbliku.
Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Maġistrat Lia rrimarkat li Farrugia kien diġà nstab ħati ta’ vandaliżmu fuq gazebo fl-istess ġnien.
Minbarra s-sentenza ta’ ħabs sospiża hija rabtitu għal perjodu ta’ sena biex ma jdejjaqx lil Attard inkella jeħel multa ta’ elf ewro.
Il-Qoti poġġiet wkoll lill-imputat taħt ordni ta’ trattament għal sentejn biex jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu.