Id-Dubbien.
Min jarah bħala insett fitt u jagħmel minn kollox biex joqtlu, u min iħares lejh bħala xi ħaġa li jagħmel il-ġid.
Żgur li fil-jiem li għaddew kulħadd innota żieda ta’ dubbien kważi kull fejn tmur, jekk hux ristoranti, postijiet tax-xogħol u anke fuq il-karozzi.
Dan mhux b’kumbinazzjoni.
ONE News tkellem max-Xjenzat Arnold Scibertas, fejn magħna spjega r-raġuni ewlenija għal dan.
Qal, “Id-djar tagħna huma aktar sħan u huma aktar sheltered u fl-istess ħin tarahom anke fuq bonnets ta’ karozzi. Però li ġara huwa u li nistgħu nassoċjawha ma’ Climate Change li qed ikollna sjuf qliel aktar u twal imbagħad f’daqqa waħda ikollna dan il-maltemp kontinwu li ftit konna naraw fil-gżejjer Maltin. Sintendi dan qed jgħin lill-popolazzjoni tad-dubbien jiżdied imbagħad dawn iridu jmorru x’imkien.”
F’Malta hawn aktar minn mitejn speċi ta’ dubbiena, li kollha għandhom l-irwol tagħhom.
Uħud iħallu effetti pożittivi u oħrajn negattivi.
Spjega, “Dubbien hemm diversi tipi li huma bħala pests u li jdejqu lin-nies u jdejquk estetikament u li jikkonteminaw l-ikel. Però ma nistgħux ngħidu li d-dubbien huwa kollu hekk fuq Malta biss għandna mitejn speċi ta’ dubbiena, madwar id-dinja hemm eluf ta’ speċi u ħafna minnhom huma ta’ benefiċċju. Kemm insemmu lin-naħla, id-dubbien ħafna minnu jdakkar u hemm ħafna minnhom jaħdmu skart li allaħares mhux huma għax kieku qed ngħixu f’dinja maħmuġa.”
Aarnold Sciberras spjega wkoll kif it-temp affetwa nsetti oħra bħall-wirdien u nemus, li f’dan is-sajf ma tantx rajna minnhom.
Qal, “Id-dubbien m’għandix dubju li se jiżdied, però rajna wkoll nuqqas ta’ ċertu speċi ta’ pests bħall-wirdien u nemus, però kif inqaleb it-temp kellna splużjoni tagħhom.”