Il-prezz tal-enerġija fir-Renju Unit huwa t-tieni l-ogħla li qatt kien f’dawn l-aħħar tliet snin, biex qed tiżdied il-pressjoni fuq dawk li jissupplixxuha biex jassiguraw elettriku u gass b’rati kompetittivi.
Veloċitajiet baxxi tar-riħ imbuttaw il-prezzijiet tal-enerġija għall-perjodu bejn il-ħamsa u s-sitta ta’ filgħodu b’aktar minn elfejn sterlina għal kull megawatt fis-siegħa. Din hija t-tieni darba li qabżu dan il-prezz mill-elfejn u tmintax ’l hawn.
Il-grid tal-enerġija tar-Renju Unit kienet kostretta ddur għal impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass u l-faħam biex ipattu għan-nuqqas ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija mir-riħ; problema li aggravat il-kriżi tal-prezz tal-enerġija li bdiet f’Awwissu.
Din iż-żieda qawwija fil-prezz għadha taħt il-livelli li ntlaħqu f’nofs Settembru, meta laħqu l-elfejn u ħames mitt sterlina għal kull megawatt fis-siegħa.