Bejn Lulju u Settembru li għadda, l-ekonomija Maltija kienet l-aktar waħda li kibret malajr fl-Unjoni Ewropea.
It-tkabbir ekonomiku ta’ Malta kien ta’ darbtejn u nofs iżjed mill-medja Ewropea.
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, turi li fit-tielet kwart ta’ din is-sena, l-ekonomija Maltija kibret bi kważi 12%.
F’termini ta’ volum, il-Prodott Domestiku Gross kiber b’9.7%.
Dan wara li sena ilu, l-ekonomija ċkienet bi ftit inqas minn 11% kawża tal-pandemija.
L-NSO qal li l-fatturi ewlenin li kkontribwixxew għat-tkabbir ekonomiku kienu ż-żieda fl-attività tas-settur tas-servizzi, bħall-bejgħ tal-ħwienet u anki ż-żieda fl-andament marbut mal-kostruzzjoni.
Fejn jidħol is-settur tas-servizzi, ħwienet ta’ bejgħ bl-imnut fost oħrajn, raw żieda ta’ kważi 20% filwaqt li s-settur tal-akkomodazzjoni, bħal-lukandi, u stabbilimenti tal-ikel, bħar-ristoranti u l-bars, raw żieda ta’ kważi 80%.
Dan meta mqabbel ma’ Lulju u Settembru ta’ sena ilu.
Il-konsum privat, bħax-xiri mill-ħwienet żdied b’7.5%.
B’rabta ma’ dawn iċ-ċifri pożittivi għall-ekonomija Maltija, fuq twitter il-Prim Ministru Robert Abela mhux biss innota t-tkabbir ekonomiku iżda saħaq li b’investiment għoli mill-Gvern u mill-privat qed nibnu flimkien prosperità ġdida.
During Q3 #Malta was the fastest growing EU #economy, with #growth that was two and a half times the EU average. With public and private investment at record highs we are building together a new #prosperity. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) November 29, 2021