Mitchel Ricardo Antonius Virginia li għandu 27 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għal akkużi ta serq u li hu riċediv.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Jean Paul Attard, spjegat li bejn il-lejl tal-24 u l-25 ta’ Novembru, l-imputat allegatament seraq madwar €480 f’oġġetti personali minn kamra f’lukanda f’San Ġiljan. Hija spjegat li minn filmati elevanti minn kameras tas-sigurtà huwa deher jisraq ċavetta ta’ kamra partikolari mir-reception.
Il-Pulizija marru fuq il-post wara li ż-żewġ persuni li sfaw misruqa għamlu rapport fl-għassa ta’ San Ġiljan. Malli marret fuq il-post il-Pulizija wara li rat il-filmati tas-sigurtà segwew lill-imputat imur jirrisjedi f’kamra ta’ persuna oħra. Il-Pulizija marret f’din il-kamra fejn hemm sabet lill-imputat u arrestawh minnufih.
Il-Qorti żammet lill-imputat arrestat fid-dawl tal-akkużi miġjuba kontrih u anke l-fatt li m’għandux indirizz fiss.