Messaġġ kontra l-firda u l-vjolenza ddomina l-Urbi Et Orbi tal-Papa Franġisku f’ Jum il-Milied. L-Urbi Et Orbi huwa l-messaġġ mistenni mill-Kattoliċi kollha madwar id-dinja, fejn il-Papa jwassal it-tħabbira tal-Bambin Ġesu li għadu kemm twieled lin-nies ta’ rieda tajba.
Il-Papa sostna li dan il-messaġġ għandu l-għan li jilħaq lin-nies kollha f’kull rokna tad-dinja, b’mod speċjali għal dawk imbeżża mill-gwerra u l-kunflitti u qed ifittxu l-paċi. Fost oħrajn, il-Papa ddedika dan il-messaġġ annwali għal dawk f’Aleppo fis-Sirja. Huwa appella lill-komunita’ internazzjonali sabiex tinstab soluzzjoni u jerġa’ jkun hemm ċivilizazzjoni.
Il-Papa tenna li jixtieq jara li l-Iżraeliti u l-Palestinjani jkollhom il-kuraġġ u d-determinazzjoni li jibdew kapitlu ġdid fl-storja tagħhom, fejn tispiċċa l-mibgħeda. L-istess għadda l-mesaġġ għan-nies fl-Iraq, Libja u Yemen sabiex jerġa’ jkun hemm l-għaqda u jintemm it-terroriżmu.
Papa Franġisku wera x-xewqa wkoll għall-għaqda bejn in-nies tal-Kolumbja, Venezuela u Lvant tal-Ukrajina. Il-messaġġ iffoka wkoll fuq dawk li qed ibatu minn xi inġustizzji u tenna li għandha tingħatalhom il-protezzjoni meħtieġa.
Fuq kollox, il-messaġġ tal-Papa temm jgħid li t-twelid ta’ Ġesu bambin għal darb’ oħra qed jagħti t-tama lil kull persuna fid-dinja. Huwa stqarr li wasal iż-żmien li nerġaw nkunu xhieda tas-solidarjeta’ u l-paċi.