Fil-Black Friday ta’ din is-sena, il-maġġoranza assoluta tan-negozji rrappurtaw andament aħjar minn dak tas-sena l-oħra, u wħud kważi laħqu l-livell ta’ bejgħ tal-2019 meta ma kienx hawn pandemija.
Dan sostnietu l-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji wara li tkellmet man-negozjanti f’pajjiżna dwar l-andament tal-bejgħ fil-Black Friday, jum importanti għan-negozji fejn b’diversi skontijiet, il-konsumatur jixtri iżjed u l-bejjiegħ ibigħ iżjed.
L-aġġeġi, tagħmir elettroniku u l-appliances reġgħu kienu l-aktar prodotti mibjugħa fi Black Friday ta’ din is-sena.
Il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji qalet li prodotti oħra ma bdewx jinbiegħu daqshekk malajr matul l-għodwa tal-Ġimgħa iżda mxew aktar max-xerrejja waranofsinhar.
Hawnhekk il-livell ta’ bejgħ kien fil-livell ta’ bejn l-2019 u l-2020.
Bosta bejjiegħa rrappurtaw li kienu sodisfatti bl-andament filwaqt li oħrajn stennew aħjar.
Saħansitra kien hemm bejjiegħa li xtaqu li kellhom iżjed prodotti x’ibigħu u l-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji qalet li l-maltemp lejlet Black Friday ma għenx biex ċertu ħwienet ikollhom iżjed prodotti x’ibigħu filwaqt li ġie nnutat li dak kien jum importanti fejn ċertu ħwienet kienu diġà bdew ibigħu bl-offerti iżda t-temp seta’ ħassar xi pjanijiet.
Hawn iżda ġie nnutat li l-bejgħ fuq il-pjattaformi online għamel tajjeb.
Il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji rrimarkat fuq l-isfidi li s-sidien tal-ħwienet kellhom minn meta faqqgħet il-pandemija iżda sostniet li għal tal-ħwienet, kollox ma kollox kienet Black Friday b’andament tajjeb u f’Novembru se jintlaħqu l-miri fejn jidħol livell ta’ bejgħ.