Sal-aħħar tas-sena d-dieħla, mistennija jiġu rkuprati sebgħin fil-mija tal-kontenituri tax-xorb bi plastik li jintuża darba bħala parti mill-iskema għar-Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb.
L-Aġenzija għall-Ekonomija Ċirkulari qed tassigura li r-regolamenti eżistenti li jiggvernaw din l-iskema jiġu rispettati biex tintlaħaq din il-mira ambizzjuża.
Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn ġie spjegat li f’April li ġej, huwa ppjanat li titlesta l-fabbrika li fiha se jsir il-proċess ta’ riċiklaġġ u jitqassmu l-magni madwar Malta u Għawdex mis-settur privat.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, Anthony Rizzo spjega li l-għan ewlieni ta’ din l-iskema huwa li tibdel il-mod ta’ kif il-poplu jiddisponi mill-kontenituri tax-xorb.
Qal, “L-Aġenzija għall-Ekonomija Ċirkolari issa għandha rwol importanti, li huwa li tirregola l-iskema tal-BCRS jiġifieri tad-depożitu tal-beverage containers. Hemmhekk ovvjament, apparti li aħna ninfurzaw li jintlaħqu l-miri, ukoll irridu naraw li x-xogħol amministrattiv – bħar-reġistrazzjoni, issir u ssir skont ir-regolamenti li ħarġu.”
Il-Ministru Aaron Farrugia ħabbar ukoll li l-Aġenzija b’kollaborazzjoni mal-Awrotirà għall-Ambjent u r-Riżorsi fasslet sett ta’ regolamenti għall-iskema ta’ tyres li ma jistgħux jintużaw aktar.
Qal, “Fl-aħħar ġimgħat u xhur abbozzaw liġi li permezz tagħha issa se tmur għall-public consultation ladarba finalizzata biex b’hekk il-privat ikollu opportunità li jidħol f’settur ieħor u allura minn sfida għall-pajjiż indawruha f’opportunità u f’niċċa ekonomika ġdida għal Malta u Għawdex.”