Tlestiet l-ewwel fażi tax-xogħlijiet f’kamra ddedikata għall-kreattività u għall-innovazzjoni fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar.
Din il-kamra tissejjaħ STEM room, Science, Technology, Engineering and Mathematics, u se ssir b’investiment ta’ €35,000 mill-Aġenzija Komunità Malta. Permezz tagħha, it-tagħlim se jsir b’metodi interdixxiplinari, fejn jitħalltu x-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-arti. L-għan aħħari hu li jiżdied il-litteriżmu xjentifiku u l-ħsieb kritiku tal-istudenti.
Fl-ewwel fażi tax-xogħlijiet, tneħħa ħajt diviżorju bejn żewġ klassijiet biex inħoloq aktar spazju, inbidlu t-twieqi, sar xogħol ta’ gypsum u ġew installati aperturi tal-aluminium.
Is-surmast tal-iskola, Ethelbert Fenech, spjega li l-kamra se jkun fiha tliet sezzjonijiet. F’parti minnhom, it-tfal se jkunu jistgħu jibnu robots u jagħmlu attivitajiet relatati mat-tagħlim tat-teknoloġija. F’parti oħra, se jkun hemm żona bis-sufanijiet, fejn tfal jistgħu jinteraġixxu flimkien u jwettqu proġetti fi gruppi. F’naħa oħra tal-kamra se jkun hemm multimedia area.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-ċittadinanza u l-komunitajiet, Alex Muscat, żar ix-xogħlijiet li saru minn meta tħabbar il-proġett ftit xhur ilu. “Permezz ta’ dan il-proġett, se ntejbu l-esperjenza edukattiva ta’ 520 student u studenta ta’ bejn it-tliet snin u l-ħdax-il sena”, qal is-segretarju parlamentari.