Fi Ġnien il-Gardjola fl-Isla ġiet inawgurata skultura kommemorattiva tas-summit li temm il-Gwerra Bierda fl-elf disa’ mija disgħa u tmenin.
L-iskultura ta’ Gregory Pototsky (tinqara Potoċni), artist prolifiku Russu, turi l-purtiera tal-ħadid li kienet tifred l-Ewropa dak iż-żmien, b’uċuħ iż-żewġ mexxejja fuq in-naħat opposti tal-globu.
F’temp simili għal dakinhar tas-summit, l-iskultura ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej fil-preżenza ta’ Patri Dijonisju Mintoff u delegazzjonijiet mill-Istati Uniti u r-Russja.
Il-Ministru Evarist Bartolo saħaq kif l-iskultura tfakkar avveniment lokali imma wkoll internazzjonali, meta żewġ forzi militari kbar għażlu lil Malta biex jibdew taħdidiet lejn aktar paċi u stabbiltà fil-fora internazzjonali.
Patri Dijonisju Mintoff, li waqqaf il-Laboratorju tal-Paċi ħamsin sena ilu, tkellem magħna dwar l-importanza tal-għaqda bejn il-pajjiżi.
Qal, “Qatt ħadd ma kien joħlom li xi darba ser naraw żewġ qawwiet ħdejn xulxin. Konna nifirħu għaliex ngħidu dawn jibbilanċjaw lil xulxin imma m’hemmx bilanċ fil-ħażen, l-isbaħ bilanċ fil-paċi. Għax fil-paċi il-bilanċ hu sħiħ, fil-ħażen għalkemm qiegħed ma’ xi ħaddieħor dejjem qed tibża’.”
Ix-Chargé d’Affaires tal-Istati Uniti għal Malta, Gwendolyn Green saħqet kif pajjiżna għalkemm stat żgħir, minn dejjem kien ta’ eżempju għal pajjiżi oħra fuq diversi temi.
Spjegat, “I am thankful for Malta’s role in the end of the Cold War. Having this summit here, monumental. It opened the gateway to the years of peace and the future that I can look forward to and that I can share with my children.”
Is-Sindku tal-Isla qal li din l-iskultura se tkompli tgħaqqad mal-wirt kulturali tal-lokalità.