F’kitba fuq il-midja soċjali, s-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ kiteb kemm jinsab diżapuntat u rrabjat li siġar taż-żebbuġ li ħawwel ftit tal-ġimgħat ilu, ġew misruqa.
”Pruvajt nikkalma qabel nikteb dan il-post imma diffiċli. Ftit ġimgħat ilu, ġejt ma’ xi kunsilliera nħawlu siġar fit-telgħa ta’ Ħ’Attard. Miegħi kien hemm ibni, Adam. Għidtlu, “Dawn is-siġar li qed inħawwlu għad jikbru… Jien ma nkunx għadni hawn imma tgħaddi minn hawn mat-tfal tiegħek u tgħidilhom dawn ħawwilthom mal-papa.” Ħlomt li ‘l quddiem norganiżżaw attività fejn il-Kunsill jiġbor iż-żebbuġ li jagħtuna dawn is-siġar u oħrajn sabiex nagħtuh lil xi familji fil-bżonn…Imma int min int, din is-siġra u 3 oħra ċaħħadthom lil ibni, lit-tfal u lill-poplu kollu… għall-egoiżmu tiegħek! Kollox tar mar-riħ! Kif tista’ tisraq u tħoss sodisfazzjon tara dawn is-siġar jikbru?! Issa x’ħin tkun għall-kwiet fl-għalqa tiegħek, ħares u ammira dak li sraqt. U ftakar… is-siġra se tagħtik il-frott tagħha ‘l quddiem imma dak qatt mhu sejjer ikun tieghek…”
It-tabib Malcolm Paul Agius Galea – Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ