F’konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li Malta għandha l-inqas rata ta’ mwiet b’rabta mal-Covid-19 fid-dinja, bil-Ġappun isegwi lil pajjiżna.
Filwaqt li Malta għandha l-inqas rata ta’ mwiet fid-dinja, id-Deputat Prim Ministru tenna l-importanza li l-poplu jieħu d-doża addizzjonali tal-vaċċin kontra l-Coronavirus.
Hawnhekk huwa ta wkoll rendikont tal-progress fil-programm ta’ tilqim tad-doża addizzjonali wara li l-Awtoritajiet tas-Saħħa ddeċidew li din tingħata lill-poplu kollu.
Filwaqt li spjega li sa issa ngħataw 102,000 doża addizzjonali tal-vaċċin, id-Deputat Prim Ministru spjega wkoll li l-persuni kollha li għandhom sebgħin sena jew aktar, kollha ħarġilhom l-istedina għat-tilqima madankollu ġie spjegat li min għal xi raġuni jew oħra ma setax jieħu t-tilqima f’din il-faxxa tal-età, jista’ jċempel fuq in-numru 145 ħalli jitlaqqam mill-aktar fis possibbli.
In-numru ta’ persuni li għadhom ma tlaqqmux fil-kategorija t’età msemmija jlaħħqu bejn il-5,000 u 6,000.
Il-Ministru għas-Saħħa spjega wkoll li terz ta’ dawk bejn is-60 u d-69 sena ngħataw id-doża addizzjonali filwaqt li l-pjan hu li sat tieni ġimgħa ta’ Diċembru dawn il-persuni jittlaqqmu kollha.
Sal-aħħar tas-sena hu stmat li dawk bejn il-50 u d-59 sena, jingħataw id-doża addizzjonali.
Dawn il-persuni se jiġu mitluba jibdew jirreġistraw fuq vaċċin.gov.mt.
Intant id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li possibiltment għada, l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini mistennija tapprova t-tilqima tal-vaċċin għal dawk it-tfal li għandhom inqas minn 12-il sena.
Huwa spjega li malli dan jiġi approvat, Malta mistennija tirċievi l-ewwel dożi f’nofs Diċembru hekk kif il-proċess ta’ prokura għal dawn id-dożi diġà huwa lest.
Chris Fearne saħaq li bħalissa d-dinja qed tesperjenza l-agħar fażi tal-pandemija meta mqabbla ma’ dawn l-aħħar sentejn f’dawk li għandhom x’jaqsmu każijiet ġodda u anke mwiet.