Mill-programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment pajjiżna daħħal biljun u seba’ mitt miljun ewro u li gawdew minnhom iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Sostna dan is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat waqt li kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari.
Fil-fatt, sa meta dan il-programm ġie fi tmiemu fl-2020, b’kollox kienu daħlu 2,246 applikazzjoni.
B’kollox ġew irrifjutati erba’ mija erbgħa u sebgħin applikazzjoni filwaqt li mija wieħed u għoxrin applikazzjoni ġew irtirati mill-applikanti stess.
Għal programm ta’ residenza li tnieda propju wkoll fl-2014, kien hemm tlett elef u sebgħa u ħamsin applikazzjoni.
B’kollox ġew irrifjutati ħamsa u tletin applikazzjoni.
Intant taħt il-programm ta’ residenza ġdid li jista’ jwassal għal ċittadinanza, sa issa temmew b’suċċess il-proċess ta’ applikazzjoni 139.
Dwar dan tkellimna mas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat.
Huwa fil-fatt tkellem magħna wkoll dwar il-proċess ta’ skrutinju rigoruż li jinkludi l-programm ta’ residenza li jwassal għal ċittadinanza: “Aħna f’pajjiżna immedjatament nirreġettaw 30% tal-applikazzjonijiet. Mhux kull japplika jiġi aċċettat. Wara li nagħmlu skrutinju għoli mmens ħadd ma jagħmel l-iskrutinju li jagħmel aħna, aħna nirrifjutaw medja ta’ 30% tal-applikazzjonijiet kollha li jidħlu.”
Huwa fisser ukoll l-importanza tad-dħul li dawn it-tip ta’ programmi qed jiġbdu lejn pajjiżna: “Kif tara dawk l-€1,700 miljun fejn marru, marru f’xiri ta’ propjetà, kiri ta’ propjetà, bonds tal-Gvern, investimenti differenti u anke NGOs li bbeneffikaw ħafna minn dawn il-kontribuzzjonijiet li ġew. Jiġifieri kellek €5.8 miljun biss biss marru lill-NGOs lokali.”
Intant is-Segretarju Permanenti qal ma’ ONE News ukoll li Komunità Malta, li hija kruċjali fl-ipproċessar u l-amministrazzjoni f’affarijiet relatati maċ-ċittadinanza Maltija għandha Kap Eżekuttiv ġdid: “Ħa nkunu qed nappuntaw CEO ġdid, Joe Mizzi li huwa persuna li għandu esperjenza kbira fis-settur taċ-ċittadinanza f’pajjiżna, persuna rispettata ħafna fis-settur tiegħu u persuna ta’ integrità li se tkompli ssaħħaħ l-operat ta’ Komunità Malta u jkompli jgħin lil din l-aġenzija biex inkomplu nibqgħu nġibu l-ġid lejn pajjiżna umbagħad naraw li dak il-ġid inwassluh litteralment għand kulħadd.”