Il-kampanja mmexxija mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana għal żmien il-festi kellha rispons qawwi. Fil-fatt iktar minn 300 persuna anzjana gawdew mill-inizjattiva “Naħseb Fik”. Din hi t-tieni edizzjoni wara s-suċċess li kellha l-ewwel darba s-sena l-oħra.
“Din hija inizjattiva oħra komunitarja u familjari favur l-anzjani li fil-jiem tal-festi jħossuhom minsijin mill-familja u l-ħbieb.” Hekk qalet is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana meta llum innotat ir-rispons qawwi li kien hemm fi ftit ġimgħat mindu nediet din il-kampanja. Hija qalet li permezz ta’ kampanja bħal din setgħet tintwera solidarjetà aktar diretta bejn il-ġenerazzjonijiet fil-familja u fil-komunità.
“L-attenzjoni u l-kura tal-anzjani fi ħdan il-familji Maltin u Għawdxin għadha b’saħħitha, imma jeżistu dawk li jonqsu mid-dmir morali u legali li jaħsbu kif jixraq fil-ġenituri u l-anzjani fil-familja,” qalet Dr Justyne Caruana. Hija żiedet li din l-inizjattiva kompliet tħeġġeġ aktar sens ta’ dmir fil-familji nfushom u fl-istess ħin toħloq kuxjenza pubblika biex tikkumbatti jew tikkumpensa għal sitwazzjonijiet ta’ solitudini.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana raddet ħajr lil dawk kollha li kienu pronti jsegwu x-xewqat murija minn iktar minn 300 persuna anzjani u offrew ir-rigali li ġew indikati. Hija ddeskriviet dan is-suċċess bħala turija ta’ solidarjetà fost nies, li għalkemm ma jafux lil xulxin, xorta jħossu r-rabta tal-għożża umana f’dawn il-jiem tal-festi.
Ritratt: MFSS_PS