Membru tal-grupp militanti Palestinjan, Hamas, qatel persuna u darab minn tal-inqas tliet persuni oħra fit-toroq l-antiki tal-Lvant ta’ Ġerusalemm.
Ir-raġel bl-isem ta’ Fadi Abu Shkhaydam u li kien jgħodd 42 sena fetaħ in-nar fil-Lvant ta’ Ġerusalemm, f’żona fejn ta’ spiss iqum ħafna inkwiet bejn il-Palestinjani u l-Lhud.
Mhux bogħod ħafna minn fejn seħħ l-attakk hemm il-moskea Al-Aqsa.
Fl-attakk inqatel persuna ċivili u ndarbu żewġ pulizija Iżraeljani.
Il-Gvern Iżraeljan qal li l-attakk dam man-nofs minuta u eventwalment l-aggressur inqatel.
Ġie spjegat li b’xorti tajba ma tantx kien hemm nies fit-toroq għaliex seta’ seħħ massakru f’tebqa t’għajn.
Attakki f’Ġerusalemm mhumiex rari iżda normalment dawn isiru b’xi sikkina u mhux armi tan-nar.
Il-Prim Ministru Iżraeljan Naftali Bennett appella lill-forzi Iżraeljani biex ikunu iżjed viġilanti fiż-żona.