Għal tul ta’ snin, l-Arkivji Nazzjonali servew ta’ vetrina fiżika fejn ġew preservati ħajjet il-Maltin u l-istorja ta’ pajjiżna.
Permezz tal-proġett Memorja, din il-vetrina ser tinfetaħ biex tkun aċċessibbli b’mod diġitali grazzi għall-sit elettroniku memorja.com.
L-inawgurazzjoni ta’ din il-pjattaforma diġitali stabbilixxiet pass importanti fl-iżvilupp ta’ arkivju orali u awdjoviżiv.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Arkivji Nazzjonali, Charles Farrugia spjega kif bħala parti mill-ħidma favur dan is-sit, uffiċjali tal-Arkivji Nazzjonali marru għand in-nies ġo darhom, sabiex jiġbru tifkiriet tal-passat: “Qed nisimgħu l-istejjer tan-nies. Qegħdin ukoll niġbru ritratti, filmati, intervisti efimera u dan kollox flimkien qegħdin naħżnuh fl-arkivji nazzjonali, qed isir transcript ta’ dawn l-intervisti, ħa jkun materjal merfugħ għall-posterità però uħud minnu wkoll se jkun għall-pubbliku biex ikun gawdut fis-sit tal-memorja.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali José Herrera, sostna li dan il-proġett ser jieħu lill-Arkivji Nazzjonali lil hinn minn arkivji tradizzjonali: “L-Arkivji Nazzjonali marru oltrè mill-missjoni tradizzjonali tagħhom fis-sens li qed jagħmlu outreach biex jipprovaw jippreżervaw il-memorja kollettiva.”
Sabiex inġabar il-materjal relevanti għal dan il-proġett, ġew żviluppati proċeduri u protokolli apposta biex dawn il-memorji jiġu preservati u jibqgħu aċċessibbli għall-itwal żmien possibbli.