Nicholas Catania ta’ disgħa u tletin sena li jgħix Wied il-Għajn, inżamm taħt arrest wara li wieġeb mhux ħati għal akkużi ta’ serq u ksur ta’ kundizzjonijiet imposti mill-Qorti.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li għall-ħabta tat-tlieta neqsin kwart ta’ dalgħodu, il-Pulizija f’Bormla allegatament sabu lill-imputat barra mixħud mal-art. Wara fil-fatt instab li dan kien qiegħed taħt ordni tal-Qorti, u f’dak il-ħin kellu jkun ġewwa daru.
Intqal li meta l-Pulizija infurmawh li se jiġi arrestat, huwa allegatament beda joffendihom, u anke heddidhom waqt li kien arrestat.
Apparti minn hekk ingħad li l-Pulizija qiegħda tinvestiga lil Catania fuq reat ieħor, meta allegatament mar fuq mara miexja weħidha, u serqilha l-mobile u l-kartiera, u deher jagħmel dan fuq kameras tas-sigurtà.