Ismael Grima, żagħżugħ ta’ wieħed u għoxrin sena minn San Ġiljan, tilef ħajtu traġikament f’inċident tat-traffiku matul il-lejl f’Ħal Luqa.
Il-każ seħħ kmieni s-Sibt filgħodu għall-ħabta tas-siegħa fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa, meta ż-żagħżugħ tilef il-kontroll tal-vettura tat-tip BMW li kien qed isuq, ħabat ma’ ċint u spiċċa ġo għalqa.
Fil-vettura kien hemm ukoll tfajla ta’ dsatax -il sena minn Ħal Qormi, li sofriet ġrieħi serji.
Filmati li ħa ONE News juru x-xena traġika tal-inċident, fejn kien hemm tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jassistu fl-operazzjoni ta’ salvataġġ.
Minkejja dawn l-isforzi, sfortunatament iż-żagħżugħ ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
It-tfajla ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura.
Dwar il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Mumenti wara l-inċident, dlonk bdew il-messaġġi minn dawk li għexu qrib taż-żagħżugħ fosthom qraba u ħbieb, li fawru l-paġna tiegħu fuq Facebook b’sentimenti ta’ dieqa li iżda juru l-kwalitajiet sbieħ li kien imżejjen bihom Ismael.
Oħtu tefgħet ritratt miegħu, u kitbet li tinsab onorata li kienet oħtu sal-aħħar mumenti ta’ ħajtu. Qaltlu li tħobbu ħafna u li se tibqa’ ġġorr il-memorji li għandhom flimkien tul ħajjitha.
Diversi ħbieb qasmu ritratti ta’ memorji li qattgħu flimkien u qalu li jinsabu xxukkjati u ħallihom bla kliem.
Iltqajna ma’ Edilson Agius, fil-post fejn sa sagħtejn qabel l-inċident, kien ma’ Ismael.
Qal, “Ġara li kellu jiġri. Rajtu sagħtejn qabel, kellimtu u qalli “moħħok hemm”, miskin, fejn tobsor li kelli nkellmu għall-aħħar darba?”
Fil-ħin tal-inċident, Edilson kien diġà rieqed u malli qam filgħodu, ma riedx jemmen x’ġara.
Spjega, “Dalgħodu qomt u ommi qaltli taf min miet? Għidtilha min miet? Qaltli Izzy. M’emmintiex u dħalt Facebook u Messenger u sibthom mimlija messaġġi.”
Edilson qalilna l-kwalitajiet li kienu jispikkaw f’sieħbu.
Qal, “Kien bniedem tal-ġenn u karattru dejjem ferrieħi. Ikun imdejjaq hu jipprova jferraħ lil ħaddieħor biex jara lil kulħadd kuntent.”
Fuq il-profil tat-tfajla, spikkaw il-messaġġi ta’ talb, f’sentimenti ta’ tama u kuraġġ biex il-kundizzjoni tagħha teqleb għall-aħjar.
Iz-ziju tat-tfajla talab lill-Bambin biex iżomm idejh fuqha f’dan il-mument tant diffiċli għall-familja.