Kersten Camilleri ta’ tnejn u tletin sena mill-Belt inżamm arrestat u Simon Leyton Rachid ta’ għoxrin sena minn Santa Venera nħeles mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, wara li tressqu l-Qorti s-Sibt akkużati b’każijiet ta’ serq.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-Pulizija kienet qed tinvestiga numru ta’ serqiet minn xufiera tat-taxi, li kienu identiċi.
Iż-żagħżugħ ta’ għoxrin sena kien akkużat b’serq fl-għaxra ta’ Novembru u li kien reċediv.
Ir-raġel ta’ tnejn u tletin sena tressaq il-Qorti fuq numru ta’ każijiet ta’ serq.
Il-Prosekuzzjoni qalet kif Kerstin Camilleri kiser diversi kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest.
Intqal kif Camilleri nstab wara li l-Pulizija talbet għall-għajnuna tal-pubbliku.
Il-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest taż-żewġ imputati, li t-tnejn wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Iż-żagħżugħ inħeles mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom depożitu ta’ erba’ mitt ewro u garanzija personali ta’ tlett elef ewro.