Żagħżugħ ta’ 21 sena minn San Ġiljan tilef ħajtu filwaqt li tfajla ta’ 19 -il sena minn Ħal Qormi qed issofri minn ġrieħi serji wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa, f’Ħal Luqa.
Minn stħarriġ preliminari rriżulta li għal xi raġuni l-karozza tal-għamla BMW 320 CD Sport u li kienet qed tinstaq miż-żagħżugħ fid-direzzjoni lejn Raħal Ġdid tilfet il-kontroll, ħabtet ma’ ċint u spiċċat ġo għalqa.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-01:00 tas-Sibt filgħodu.
Sorsi fuq il-post qalulna li mal-impatt, iż-żagħżugħ u t-tfajla spiċċaw barra mill-karozza f’għalqa fil-qrib.
Immedjatament fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-isptar Mater Dei flimkien ma’ ħaddiema tas-salvataġġ mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li bdew b’ħidma delikata sabiex taw il-kura meħtieġa.
Filwaqt li ż-żagħżugħ ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post, it-tfajla ttieħdet l-isptar Mater Dei.
Skont sorsi fuq il-post, one.com.mt huwa infurmat li karozzi oħra kienu involuti f’inċident tat-traffiku separat malli raw l-inċident iseħħ quddiemhom.
Il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia ħatar inkjesta Maġisterjali filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.