Melvin Debono, magħruf bħala ‘il-Quws’ baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti, mixli bi traffikar ta’ droga.
L-imputat li għandu tletin sena, u li jaħdem bħala bejjiegħ ta’ karozzi, ċaħad li fil-pussess tiegħu kellu tliet mitt gramma droga kokaina.
Huwa kien mixli li huwa riċediv, minħabba li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq erba’ sentenzi differenti.
Il-Prosekuzzjoni fissret li l-Pulizija kienet mgħarrfa b’mod kunfidenzjali li kien se jsir traffikar ta’ droga bejn żewġ persuni.
Intqal ukoll li fuq l-imputat instabu tliet mitt gramma kokaina.
L-Avukat Difensur Franco Debono stqarr li għalkemm l-ammont ta’ droga mhuwiex żgħir, imma lanqas hu kbir ħafna.
Id-Difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest liema talba ġiet miċħuda.
ONE News kien segwa l-arrest tal-‘Quws’ f’Ħal Qormi b’filmati esklussivi t’arrest ukoll ta’ diversi persuni b’rabta ma’ traffikar tad-droga.
Erba’ persuni tressqu lbieraħ il-Qorti b’rabta ma’ rejds li twettqu mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.
Il-Qorti ddikjarat li l-arrest ta’ tlieta minnhom kien invalidu filwaqt li l-persuna l-oħra ngħatat il-libertà proviżorja.