Madwar elfejn u tliet mitt familja bi dħul baxx fi ħmistax il-lokalità madwar Malta se jkunu qed jirċievu laptop b’xejn flimkien ma’ voucher ta’ sena internet b’xejn.
Dan tħabbar miIl-Gvern f’konferenza tal-aħbarijiet li rat it-tnedija ta’ proġett pilota bl-isem Digital Connect u li għandu l-għan li jindirizza l-qasma diġitali filwaqt li fl-istess ħin itejjeb il-ħiliet f’dan il-qasam.
Fil-fatt, għal din l-iskema huma eliġibbli dawk li għandhom il-karta r-roża, li għandhom il-pensjoni kontributorja, dawk li qegħdin fuq l-għajnuna soċjali, dawk li huma ġenitur wieħed u mhux miżżewġin jew dawk li jirċievu l-benefiċċju tal-qgħad.
Dan il-proġett pilota, li jinkorpora fih ħidma interministerjali bejn il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija u l-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, se jittellaq fi ħmistax il-lokalità differenti madwar Malta.
Il-Ministru Silvio Schembri spjega li l-għan ta’ din l-iskema hija li tinfirex għal madwar Malta u Għawdex.
Dan sabiex pajjiżna fl-aħħar mill-aħħar jibqa’ javvanza ekonomikament filwaqt li tonqos l-inaċċessibilità diġitali.
Huwa fisser: “Qed naraw li nallokaw madwar €2 miljun għal din l-iskema u minnha ħa jkunu qed jibbenefikaw f’dan il-proġett pilota madwar 2,300 familja li eventwalment il-ħsieb ta’ dan il-Gvern huwa li wara li ngħaddu dan il-proġett pilota imbagħad din tinfirex madwar Malta u Għawdex kollha.”
Il-Ministru Michael Falzon irrimarka l-aspett soċjali ta’ din il-miżura.
Huwa spjega li permezz ta’ din l-iskema il-Gvern qed jara li jkompli jkun ta’ spalla għal dawk bl-ikbar sfidi fis-soċjetà tagħna.
Għalhekk saħaq ukoll fuq il-prinċipju li din l-iskema ma tiġix offruta fuq min jersaq l-ewwel biss għall-iskema, igawdi: “Hawnhekk hawn il-flus ivvutati lil kull min jikkwalifika. Ma rridux inkunu aħna li nagħżlu. Bdejna bi proġett pilota imma mbagħad irridu nkunu aħna stess, anke l-fatt ta’ kif inhi maħduma, anke kif ħa nħaddmu huwa wkoll xempju ta’ ġustizzja soċjali.”
Kull persuna li hija eliġibbli għal din l-iskema se tkun qed tirċievi fuljett fil-jiem li ġejjin biex dan iservi ta’ gwida għalihom biex issir l-applikazzjoni għal din l-iskema.