Il-Ġimgħa filgħodu fil-bajja ta’ Għajn Tuffieħa ntelqu tlett ifkieren tal-baħar, wara li dawn għamlu żmien jieħdu kura mingħand Nature Trust.
Fuq il-bajja ramlija nġabru bosta nies fosthom anki l-Kantanta Ira Losco.
Dawn it-tlett ifkieren ġew salvati mill-ibħra Maltin wara li sabu ruħhom f’diffikultà.
Fost l-oħrajn il-fekruna ta’ erba’ snin instabet b’diversi snanar imqabdin magħha, u fekruna oħra ta’ ħamsa u għoxrin sena ġiet salvata mill-Forzi Armati, u nstab li din kellha infezzjoni minħabba l-plastik.
It-tielet fekruna msemmija Benjamina, ġiet salvata hekk kif din kienet imkebba minn xbiek tas-sajd, u ġiet imsemmija wara għa;l-voluntier ta’ Nature Trust li salvaha, bl-isem ta’ Benjamin Grech.
Dan l-istazzjon tkellem ma’ dan il-voluntier, li spjega kif kien hu u oħrajn ħadu l-fekruna minn Għawdex għal Malta, sabiex din tiġi operata.
Benjamin Grech stqarr: “Kienet każ ta’ emerġenza serja u kellna nibqgħu sejrin biha bil-vapur dirett għall-VET tagħna Dr Gruppetta, fejn operaha, u minħabba t-talent immens tiegħu, salvaha u qiegħdin hawn illum biex nitilquha.”
Intant, voluntiera oħra li kellha x’taqsam mar-rijablitazzjoni tal-fkieren qasmet il-ferħ tagħha, li dawn il-ħlejqiet issa se jgħixu fl-ambjent propju tagħhom.
Daiva Repeckaite qalet, “It’s a very beautiful feeling. It’s very gratifying to see that our hard work brings these good results because that’s the ultimate aim. Obviously we get attached to these turtles, but the best thing is when they don’t spend a lot of time in this artificial environment, and they can just go to the sea and be free again.”
Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Nature Trust qal li huma bejn tletin u ħamsin fekruna li kull sena jiġu salvati mill-ibħra Maltin.
Huwa saħaq ma’ dan l-istazzjon kif din l-organizzazzjoni se tkun qed tkabbar il-ħidma tagħha permezz ta’ faċilità ġdida mis-sena d-dieħla: “Bħala għaqda ilna nsalvaw l-annimali mill-bidu tas-sena elfejn. Fil-fatt proġett li kien ilu f’moħħna għal għoxrin sena u issa sar realtà kien bil-fondi tal-Unjoni Ewropea tal-ERDF, fejn fi Xrobb l-Għaġin se nkomplu nirrestawraw il-bini li għandna hemm, u dan se jsir sptar tal-annimali.”