Il-Partit Nazzjonalista għadu ma sabx il-mexxej li għandu bżonn.
Dikjarazzjoni skjetta li għamilha l-eks Ministru Nazzjonalista, Michael Falzon, f’perjodu fejn it-tmexxija ta’ Bernard Grech tinsab taħt il-lenti.
F’intervent fil-programm Paperscan imxandar fuq ONE, Falzon ma darx wisq mal-lewża u ndika b’mod ċar li hu jemmen li l-mexxej li għandu bżonn il-Partit Nazzjonalista jeżisti.
Minn kliemu deher ċar li dan mhux Bernard Grech.
Qal, “Għadu ma sabx il-mexxej li għandu bżonn, jien naħseb qiegħed hemm il-mexxej. Imma mhux se noqgħod ngħid min hu jew min hi. Għadu ma sabx il-mexxej li għandu bżonn u jgħaqqad d-diversi nies li għandhom opinjoniet diffferenti.”
Id-dikjarazzjoni ta’ Falzon tingħaqad ma’ dik ta’ opinjonisti, akkademiċi u attivisti oħra li f’dan il-mument qed jitfgħu dubji kbar dwar l-abbiltà ta’ Grech li jmexxi l-partit.
Saħansitra, fil-programm XTRA tqajjem is-suġġeriment ta’ vot ta’ fiduċja.
Qal, “Naħseb li wasal iż-żmien jekk hemm bżonn li kap ta’ partit iressaq Kunsill Ġenerali, dawn huma l-ideat tiegħi, se nerġa’ nitlob vot ta’ fiduċja fiha nnifsi.”
Qed jidher ċar li minflok għaqqad, Bernard Grech spiċċa fired.
Mhux biss għax il-ħatra tiegħu bħala Kap imbuttata minn grupp ta’ estremisti kienet frott il-firda, iżda wkoll minħabba l-istil li qed jadotta Bernard Grech
Qal, “U naħseb Bernard Grech kif tkellem ipprova jogħġob lit-Talibani, Talibani fis-sens li mhux lesti jiddiskutu ċerti suġġetti. Tant moħħhom lest u dritt u riġidi li fuq il-pożizzjoni tagħhom li ma jaċċettawx li lanqas jiddiskutu l-pożizzjoni.”
Fid-dawl li l-eks Ministru Falzon esprima l-fehma li l-mexxej ideali tal-Partit Nazzjonalista hu xi ħadd ieħor, il-preżentatur staqsa jekk jarax li Grech jaf ikun mexxej temporanju.
It-tixbiha li ġab il-preżentatur ukoll ġabet reazzjoni ċara u tonda.