L-għalliema tal-Malti ppublikaw stqarrija dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, fejn sostnew li l-Kunsill għandu jibqa’ magħmul minn maġġoranza ta’ persuni kwalifikati sew fil-qasam tal-Malti.
“B’hekk nistgħu nserrħu moħħna li fost l-oħrajn ikollna punt ta’ referenza kompetenti fil-kitba ta’ kliem ta’ nisel Ingliż, bħalma kellna punt ta’ referenza fil-kitba tal-varjanti ppreżentati f’Deċiżjonijiet 1. Nemmnu li din id-deċiżjoni tkun fl-interess tal-iżvilupp ta’ lsienna, tagħna bħala edukaturi, tal-istudenti, u tal-ġenituri tagħhom”.
Qalu li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti huwa punt ta’ referenza importanti għall-għalliema gradwati fil-Malti. Dan minħabba li l-Kunsill, magħmul minn maġġoranza ta’ persuni kkwalifikati fil-Malti, joffri soluzzjonijiet infurmati għal għadd ta’ diffikultajiet li niltaqgħu magħhom f’xogħolna wara li jagħmel konsultazzjoni wiesgħa.