Fil-provinċja Kanadiża ta’ British Columbia ġie ddikjarat stat ta’ emerġenza, wara li maltempata kbira wasslet anki għall-qtugħ tad-dawl fit-toroq u l-konnessjonijiet tal-ferroviji fir-reġjun.
Il-Forzi Armati Kanadiżi qed jiġu stazzjonati fil-provinċja biex jgħinu lil eluf ta’ residenti li jinsabu maqbuda f’partijiet differenti tar-reġjun mindu beda l-maltemp.
Fi żjara f’Washington, il-Prim Ministru Kanadiż, Justin Trudeau wiegħed l-għajnuna kollha meħtieġa u qal li t-truppi se jgħinu fil-bini mill-ġdid ta’ postijiet li nqerdu bil-maltemp.
Mara tilfet ħajjitha f’valanga filwaqt li żewġ persuni huma rrappurtati nieqsa.
Eluf ta’ persuni oħra kellhom jiġu evakwati wara ħerba sħiħa, speċjalment f’żoni tropikali.
Uffiċjali fir-reġjun qalu li dan id-diżastru naturali huwa riżultat tal-effetti tat-tibdil fil-klima.