Il-Professur Edward Mallia, iċ-Chairperson ta’ Friends of the Earth, fisser bħala pożittiva il-ġlieda li qed jagħmel pajjiżna kontra it-tibdil fil-klima.
Dan intqal waqt li kien f’programm fuq l-istazzjon nazzjonali, wara li għat-tieni sena konsekuttiva, Malta żammet postha mal-aktar pajjiżi li qegħdin jiġġieldu t-tibdil fil-klima.
Dan ħareġ minn indiċi annwali ppubblikat minn Germanwatch li jagħmel monitoraġġ tal-miżuri li qegħdin jieħdu sittin pajjiż madwar id-dinja u l-Unjoni Ewropea biex inaqqsu l-effetti tat-tibdil fil-klima.
F’dan ir-rapport ħareġ kif pajjiżna għandu prestazzjoni tajba fit-tnaqqis tal-emissjonijiet u anke fl-użu tal-enerġija.
Il-Professur Mallia, li ħa ħsieb ir-rapport għal Malta, spjega li pajjiżna għamel passi ‘l quddiem, fejn fl-aħħar seba’ snin, kważi naqas għal kollox il-kubrit li kien joħroġ miċ-ċmieni tal-power stations tal-Marsa u ta’ Delimara meta kien jinħaraq il-heavy fuel oil, li huwa fost l-agħar xorta ta’ fjuwils.
Huwa stqarr: “Għamilna ċerti passi ’l quddiem, li qlibna għal ġenerazzjoni tagħna, to a natural gas, minn heavy fuel oil etc. Ovvjament mhux se ngħidulu pass lura.”
Waqt il-programm, il-Professur semma ukoll l-isfidi li għandu pajjiżna fosthom il-bidla għal vetturi li jaħdmu bl-elettriku.
Bħalissa s-suġġett tat-tibdil fil-klima jinsab fuq nett tal-aġenda, fil-kuntest tal-Konferenza tal-COP26 fi Glasgow.
Il-Professur Mallia tkellem ukoll fuq il-miri tat-tnaqqis tal-gassijiet li kienu ġew stabbiliti f’Pariġi sitt snin ilu li talab lil pajjiżi biex sa tmiem l-elfejn tnejn u għoxrin, jirrevedu u jsaħħu l-għanijiet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju f’konformità mal-ambizzjoni li jiġi limitat it-tibdil fil-klima għal ferm taħt iż-żewġ gradi Celsius u idealment jiġi wieħed punt ħames gradi Celsius sal-elfejn u tletin, skont id-dokument.
Huwa sostna: “Li qed tgħid ix-xjenza bħalissa, in the begining of Glasgow, hija li 1.5 celsius is the edge. Jekk se naqbżu dan, up to 2, 2.5 celsius, mitlufin.”
Il-Professur tkellem ukoll kif il-pajjiżi qablu sabiex innaqsu,b’mod gradwali l-użu tal-faħam, fjuwil meqjus bħala l-iktar wieħed li jikkawża tniġġis li jaffettwa t-tibdil fil-klima.
Meta indirizza din il-Konferenza tal-Ġnus Magħquda, il-Prim Ministru Malti Robert Abela spjega li Malta hija disposta li tgħin gżejjer żgħar oħra jegħlbu l-isfidi li qed iġib it-tibdil fil-klima.