Fi Brussell, il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg ippreżenta l-istudji li ġew ikkummissjonati lill-Gvern Malti fejn jidħol it-trasport tal-massa, lill-Kummissarju Ewropew għat-Trasport, Adina Vălean.
Fil-laqgħat, il-Ministru Borg spjega li l-Gvern qabbad esperti fis-suġġett ARUP biex jistudjaw liema huwa l-aħjar mezz ta’ trasport tal-massa għal Malta u dawn l-istess esperti għażlu l-metro.
Fil-laqgħat fi Brussell, il-Ministru spjega li bħalissa f’Malta għaddejja diskussjoni nazzjonali dwar is-suġġett, li se sservi ta’ bażi b’saħħitha biex fuqha, il-Gvern jieħu deċiżjoni dwar it-triq ’il quddiem.
Huwa stqarr: “Iddiskutejna l-ewwel nett, ir-rapport li kkummissjonajna bħala Gvern għas-sistema tat-trasport tal-massa, il-metro, imma wkoll diversi sfidi oħrajn li għandna mhux biss bħala pajjiż, bħala Malta, imma anke bħala Unjoni Ewropea u kif allura qed naħdmu biex it-trasport, li huwa wieħed mill-iktar emitters ukoll li allura jrid jindirizza l-isfida tat-tibdil fil-klima, ser naslu għal dawk l-objettivi mingħajr ovvjament ma joħloq disturzjoni fuq il-kumplament tal-attività ekonomika u soċjali.”
Il-Kummissarju Ewropew għat-Trasport spjegat li l-Kummissjoni Ewropea tilqa’ b’sodisfazzjon dan l-istudju għaliex fi kliemha, jidher biċ-ċar li l-Gvern Malti qed iħares lejn il-possibilitajiet kollha biex jagħmel is-settur aktar sostenibbli.
Il-Kummissarju Ewropew iddiskutiet ukoll mad-delegazzjoni Maltija x-xogħol li qed isir mill-awtoritajiet biex jiġi inċentivat l-użu ta’ vetturi elettriċi u t-trasport alternattiv fosthom dak bil-baħar.
Matul dawn il-laqgħat ġie diskuss ukoll ix-xogħol infrastrutturali li qed isir f’Malta u s-setturi tat-trasport bil-baħar u bl-ajru.