Michael Pulis huwa fost tnax-il student li gawdew minn boroż ta’ studju ddedikati għall-ispeċjalizzazzjoni fl-intelliġenza artifiċjali.
Fl-Università ta’ Malta huwa ser ikun qed ikabbar l-għarfien tiegħu f’dan ir-rigward fil-livell ta’ Masters biex jagħti daqqa t’id lill-qasam sportiv.
Qal, “Il-mira ta’ din ir-riċerka hija li klabbs li m’għandhomx daqstant scouts u impjegati biex jagħmlu analiżi tal-plejers inkunu nistgħu ngħinuhom bir-riċerka u nipprovdu sistema ta’ intelliġenza artifiċjali li tgħinhom isibu l-aqwa plejers li forsi għadhom mhux popolari ħafna.”
Waqt konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li kienu bosta li wrew interess fil-fond ta’ mija u għoxrin elf ewro bl-isem ta’ Pathfinder iżda kienu tnax li ntagħżlu biex jirċievu dawn l-boroż fil-livelli ta’ Masters u Dottorat.
Preżenti biex jippreżenta dawn il-boroż ta’ studji lill-istudenti kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri li rrimarka kif din l-inizzjattiva ser tiżviluppa l-kapital uman biex tikkumplimenta l-infrastruttura fil-qasam diġitali.
Spjega, “Mingħajr riżors uman li huwa speċjalizzat f’din l-area speċjalizzata ma nkunux nistgħu nagħmlu avvanz u nixtiequ allura li primarjament anki wkoll ikun hemm itkar Maltin li jimxu u jibbenefikaw minn dan is-suċċess ta’ pajjiżna u kien għalhekk li bil-Pathfinder f’dan il-każ, is-scholarship li qed inniedu, qed nagħtu l-opportunità li ngħinu b’mod b’saħħtu u finanzjarjament lil dawn l-istudenti biex imbagħad ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet li qed noħolqu bħala pajjiż.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, Kenneth Brincat, sostna fuq l-importanza li l-industrija li kontinwament qed tinbidel, ikollha persuni b’ħiliet adegwati.