Ftit aktar minn mija u tnejn u għoxrin elf persuna siefru minn Malta bħala turisti bejn Lulju u Settembru li għadda.
Dan skont statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li wriet li kull turist li telaq minn Malta lejn pajjiż ieħor nefaq medja ta’ ftit aktar minn tmien mitt ewro f’pajjiż ieħor.
Fil-fatt b’kollox, in-nefqa ta’ fost oħrajn il-Maltin li siefru għal btala fit-tielet kwart ta’ din is-sena, laħqet it-tmienja u disgħin miljun u nofs ewro.
Kważi tnejn u sittin elf persuna siefru minn Malta għal btala filwaqt li kważi tnejn u erbgħin elf persuna oħra siefru minn pajjiżna biex iżuru qraba u ħbieb.
Ħafna mit-turisti Maltin u Għawdxin fost oħrajn kienu jgħoddu bejn il-ħamsa u għoxrin u l-erbgħa u erbgħin sena.
Fil-fatt ftit aktar min-nofs tat-turisti kollha kienu jgħoddu f’dik il-kategorija t’età.
L-ammont ta’ ljieli mqatta’ mit-turisti Maltin fost oħrajn, żdiedu bi tlieta u ħamsin fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Fil-fatt l-ammont ta’ iljiel qarreb il-miljun u d-disa’ mitt elf.
Bejn Jannar u Settembru li għadda, in-numru ta’ vjaġġi żdiedu b’sebgħa punt erbgħa fil-mija u laħħqu kważi mija u tmenin elf.