Se tkompli tissaħħaħ il-konnettività bejn Malta u Għawdex, hekk kif beda l-proċess biex il-gżira Għawdxija jkollha ajruport reġjonali.
Ħabbar dan il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fil-Parlament din il-ġimgħa, fejn spjega kif ser jiġu mmodernizzati l-faċilitajiet tal-Heliport fix-Xewkija u fl-istess ħin titjieb l-aċċessibilità għar-residenti Għawdxin.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon il-Ministru Camilleri spjega kif mistennija jsiru interventi sostenibbli fuq iż-żona tal-Heliport.
Qal, “Bdejna proprju bil-proċess inizzjali sabiex fl-aħħar mill-aħħar inkunu qegħdin naslu għall-iskop tagħna li Għawdex ikollu l-ajruport reġjonali tiegħu li jkun qed iżid imbagħad mal-aċċessibilità ma’ din il-gżira. Bdejna bis-surveying tas-sit inkwistjoni, tajna l-commitment tagħna li ma neħdux art agrikola addizzjonali iżda nibqgħu fil-konfini eżistenti.”
Il-Ministru żied jispjega li dan il-proġett se jħares ukoll lejn diversi aspetti relatati ma’ servizzi tal-avjazzjoni.
Fost dawn hemm ajurplani żgħar li fi ftit minuti jagħmlu l-vjaġġ bejn Malta u Għawdex.
Huwa spjega x’inhu l-pass li jmiss.
Qal, “Ser inniedu l-konsultazzjoni pubblika through il-GRDA, sabiex nirċievu l-feedback mingħand il-pubbliku u NGOs u tittieħed id-deċiżjoni ta’ kif għandna nimxu ’l quddiem.”
Apparti l-konnettività bl-ajru, il-Ministru qal li dan il-proġett se jiftaħ ukoll lil Għawdex għal numru ta’ opportunitajiet u investimenti bħalma huma skejjel tat-tagħlim tas-sewqan ta’ ajruplani żgħar u l-ittestjar ta’ drones industrijali.
Semma wkoll kif dan il-proġett jikkumplimenta investimenti oħrajn li saru sabiex tiżdied il-konnettività, bħall-Fast Ferry, ir-raba’ vapur tal-Gozo Channel u t-tieni Fibre Optic Cable.
L-Għaqda Studenteska Għawdxija, il-GUG laqgħet b’mod pożittiv din il-proposta u qalet kif dan il-proġett mistenni jkompli jkun ta’ benefiċċju għal bosta Għawdxin li ta’ kuljum jaqsmu għal skopijiet ta’ xogħol, edukazzjoni u anke saħħa.